Dan huwa t-tielet l-akbar lokalita’ f’Malta, b’madwar 16,500 resident minn total ta’ madwar 500,000 resident fuq dawn il-gżejjer. Dan il-lokal jinsb imdawwar b’numru ta’ widien minħabba l-pożizzjoni tiegħu fil-baxx kif ukoll viċin tal-Port il-Kbir. Ħal Qormi kellu parti importanti fl-istorja. Fil-fatt, fi żmien il-Medju evu, partijiet mil-lokalita’ tal-Ħamrun, Marsa kif ukoll il-Belt Valletta, kienu jiddependu minn Ħal Qormi bħala amministrazzjoni u parroċċa.
Sa minn żmien il-Kavallieri ta’ San Gwann, Ħal Qormi kien diġa magħruf għal diversi fran tal-ħobż. Fil-fatt ġieli saret referenza għal Ħal Qormi bħala Casal Fornaro; il-lokal tal-furnara, aktar u aktar meta l-istess kavallieri kienu jakwistaw l-ħobż tagħhom minn diversi fran f’din il-lokalita’ li għadha magħrufa sal-lum għal din is-sengħa tal-furnar. Fiż- żmien attwali, f’dan il-lokal insibu diversi żoni residenzjali kif ukoll oħrajn industrijali. Madankollu, iċ-ċentru ta’ dan ir-raħal għadu jġorr karatteristiċi tipiċi, b’diversi sqaqien u toroq dojoq li jserpu min-naha għall-oħra.
Dan il-lokal jiġbor fih diversi għaqdiet u b’hekk minkejja l-ħajja bla waqfien ta’ kuljum, l-attivitajiet kulturali bħal fil-każ tal-attivita’ Lejl f’Casal Fornaro, ma jonqsux. Il-motto ta’ Ħal Qormi huwa "Nogħla mill-baxx" u l-arma ta' din il-lokal hi msejsa fuq dik tal-Gran Mastru Manuel Pinto de Fonseca, li tirrapreżenta tarka bil-qiegħ tal-fidda u b'ħames nofs qmura jħarsu 'l fuq.



























